Il-kampanja ‘Rigal b’Imħabba’, li qed issir għar-raba’ sena konsekuttiva, fuq inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, flimkien ma’ binthom Giorgia Mae, din is-sena se tkun qed tinfirex fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex.
Bejn it-12 u l-21 ta’ Diċembru, il-pubbliku Malti hu mħeġġeġ biex ipoġġi rigali, partikolarment ġugarelli, taħt is-Siġra tal-Milied armata fi Pjazza Kastilja biex jingħataw lil tfal fil-bżonn.
L-għan tal-kampanja jibqa’ biex f’dan iż-żmien festiv, l-ebda tfal f’pajjiżna ma jispiċċaw mingħajr rigal.
L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet imnedija t-Tnejn filgħaxija biswit is-Siġra tal-Milied li ntramat fil-pjazza ta’ quddiem Kastilja u qrib il-presepju li ddomina din it-tnedija.
Dr Abela spjegat li l-qofol tal-edizzjoni se jintlaħaq nhar l-20 u l-21 ta’ Diċembru fejn se jkun qed jittella’ villaġġ tal-Milied.
Hi qalet li ‘Rigal b’Imħabba’ din is-sena se tkun qed terġa’ tagħti daqqa t’id anke liż-żagħżugħ Jake Vella biex jinġabar ikel għall-annimali abbandunati.
Mill-Isptar Mater Dei, Jake se jkun qed jiġbor l-ikel għall-annimali fil-foyer tal-istess sptar. Wieħed jista’ jagħti kull tip ta’ ikel għall-annimali abbandunati sal-11 ta’ Diċembru.
Waqt it-tnedija tal-kampanija ‘Rigal b’Imħabba’ ntweriet u nstemgħet, għall-ewwel darba, id-diska uffiċjali ta’ din ir-raba’ edizzjoni.
Dr Abela rringrazzjat lit-tfal u lill-ġenituri tagħhom għas-sehem tagħhom fit-tnedija u sellmet u raddet ħajr ukoll lill-ħaddiema fi ħdan il-korpi dixxiplinati li se jkunu qed jgħinu qatigħ fil-ġbir u t-tqassim tar-rigal li se jkunu qed jinġabru.