Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela u bintha, iċ-ċkejkna Giorgia Mae, laqgħu tfal ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika f’Villa Francia, f’Ħal Lija.
It-tfal li kienu akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, u pparteċipaw f’diversi attivitajiet fosthom fil-qtugħ tal-larinġ li jikber fil-ġonna tal-Villa. Dan apparti attivitajiet oħra li sabu jistennewhom, organizzati mill-korp tal-Puliżija.
Dr Abela rringrazzjat lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li fil-ħin liberu tagħhom organizzaw dawn l-attivitajiet, u esprimiet l-entużjażmu li hi u Giorgia Mae ħassew biex jilqgħu lil dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom f’Villa Francia.
Hawn saħqet fuq l-importanza li fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, nindirazzaw il-bżonnijiet tat-tfal li jsofru ħafna meta jaraw lill-ġenituri tagħhom ibatu.
Dr Abela stqarret, “Nemmen illi t-tfal għandna nindirizzawhom b’mod dirett, għaliex it-tfal isofru ħafna meta l-ġenituri tagħhom, ikunu għaddejjin minn din l-esperjenza.”
Il-Ministru għall-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri faħħar din l-inizjattiva fejn vittmi ta’ vjolenza domestika u wliedhom qattgħu jum propju mal-pulizija, li xi darba jistgħu jfittxuhom ukoll għall-għajnuna.
Il-Ministru Camilleri qal, “Illum qattajna ġurnata ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika u t-tfal tagħhom, illi fil-passat jew inkella anke sal-lum il-ġurnata rċivew jew għadhom jirċievu servizz mill-Korp tal-Pulizija, inkluż mill-unit speċjalizzat li waqqafna dan l-aħħar, illi jaħdem ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà esprima s-sodisfazzjon tiegħu li membri tal-Korp organizzaw dawn l-attivitajiet.
Huwa sosnta, “Turi l-element uman anke tal-Korp tal-Pulizija, jiġifieri, kienet attività li l-korp ħareġ beyond his remit u verament nieħdu gost li tfal li jkunu għaddew minn dawn it-trawma jkollhom opportunità li jitilgħu fuq żiemel tal-Pulizija, jilagħbu mal-klieb tal-Pulizija u jdoqqu s-sirena wkoll.”
Ritratti: OPM