“Bil-vot tal-bieraħ fil-Parlament, Malta bagħtet messaġġ ċar favur l-ugwaljanza u r-rappreżentanza ugwali fil-Parlament.”
Dan sostnietu mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela.
Dr Abela ddeskriviet din ir-riforma bħala waħda storika u li tibgħat sinjal qawwi li dan hu pajjiż li jrid jirnexxi bis-sehem ta’ kulħadd.
Lydia Abela ħeġġet lin-nisa u lit-tfajliet biex filwaqt li jiċċelebraw il-vot tal-bieraħ jagħtu sehemhom fil-ħajja pubblika.
Dr Abela sostniet li tifhem li din mhix deċiżjoni faċli għaliex hi għaddiet minnha meta kienet affaċċjata minn dik l-għażla.
Minkejja dan, mart il-Prim Ministru tenniet li meta tgħix id-differenza pożittiva li tista’ tagħmel fil-ħajja tan-nies, tapprezza kemm hu kbir is-sodisfazzjon li taħdem għall-pajjiżek.
Dr Abela temmet tgħid li l-vot tal-bieraħ huwa biss l-ewwel pass.
Saħqet li issa rridu naħdmu flimkien biex nagħtu l-ħajja lil-liġi approvata.