Mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela żaret Dar Emmaus fir-Rabat, Għawdex, li tagħti kenn u appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Dan bħala parti mis-16-il ġurnata ta’ attiviżmu dwar din il-pjaga soċjali.
Dar Emmaus hija l-ewwel dar f’Għawdex li toffri mhux biss saqaf fuq ras vittmi ta’ vjolenza domestika u wliedhom, iżda wkoll programm ta’ kura u rijabilitazzjoni.
Waqt din iż-żjara Dr. Abela semgħet u tkellmet ma’ numru ta’ vittmi dwar l-uġigħ u t-tbatija li għaddejjin minnha kaġun ta’ din il-problema.
“Jiena nagħmel appell biex lill-Għawdxin biex jersqu ‘l quddiem. Kull mara, kull persuna li għaddejja mill-vjolenza domestika hu importanti li tfittex l-għajnuna. Illum il-ġurnata hawn ħafna, hawn ħafna servizzi, hawn ħafna nies li jixtiequ jgħinu b’tant dedikazzjoni u imħabba,” qalet Dr. Abela.
Għal din iż-żjara attendew ukoll il-Ministri Michael Falzon u Clint Camilleri.
Il-Ministru Falzon qal li f’dawn is-16-il ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika, il-gvern mhux biss qed jibgħat messaġġ kontra din il-pjaga soċjali iżda qed juri wkoll li huwa mpenjat li jieħu passi konkreti biex jiġi indirizzat dan l-abbuż.
Minn naħa tiegħu il-Ministru Camilleri faħħar l-inizjattiva li qiegħda tieħu Dr Lydia Abela biex tqajjem aktar għarfien dwar il-vjolenza domestika u rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Dar Emmaus li jaħdmu qatigħ biex joffru kenn u għajnuna lill-vittmi.