“Sakemm jibqa’ mqar vittma waħda tal-vjolenza domestika qatt ma nkunu għamilna biżżejjed.”
Kien b’dan il-mod li mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela ddeskriviet il-bżonn ta’ ħidma kontra l-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.
Dan waqt il-programm Awla l-Ħamis filgħaxija fuq ONE u li ddiskuta s-suġġett tal-vjolenza domestika.
F’intervista mal-Preżentatur tal-programm, Dr Lydia Abela tkellmet dwar din ir-realtà li sfortunatament ħafna nisa u anke rġiel jesperjenzaw.
Hija spjegat li sabiex dan jiġi evitat trid tingħata l-importanza lill-indipendenza ekonomika sabiex din iġġib kemm lill-mara u anke lir-raġel aktar indipendenti: “Kemm huwa importanti li l-mara toħroġ taħdem, kemm huwa importanti li l-mara tkun fid-dinja tax-xogħol u jkollha indipendenza ekonomika għaliex nemmen l-indipendenza ekonomika ġġib lil mara ħielsa soċjalment u ħielsa wkoll mill-problemi u mit-tbatija tal-vjolenza domestika.”
Dr Abela aċċennat ukoll għall-importanza tar-riċerka kontinwa fuq dan is-suġġett: “Is-sena li għaddiet bħala parti mill-kampanja kontra l-vjolenza domestika u grazzi għall-fondi li kienu ngħataw mill-Awtorità tat-Turiżmu fis-somma ta’ €20,000 investejniehom f’riċerka li titratta l-vjolenza domestika.”
Fil-fatt, hawnhekk Dr Abela spjegat kif speċifikament ġie studjat x’iwassal biex persuna tkun vjolenti fuq il-persuna li suppost tħobb.
Tenniet ukoll l-importanza tat-twaqqif ta’ taqsima kontra l-vjolenza domestika li toffri servizz speċjalizzat mill-Korp tal-Pulizija.
Hija għalqet b’appell ta’ imħabba biex din ir-realtà nkomplu niqfulha u negħlbuha: “Il-messaġġ irid ikun wieħed ta’ imħabba. Min iħobbok irid juri imħabba lejk u l-ebda tip ta’ vjolenza qatt ma hija aċċettabbli. Importanti li dejjem nieqfu lill-vjolenza domestika u nemmnu fina nfusna u nemmnu wkoll li meta nitkellmu se nsibu l-għajnuna u se nsibu min se joħroġna minn din is-sitwazzjoni.”