Din is-sena hija l-għaxar sena anniversarju mindu twaqqfet l-organizzazzjoni volontarja Dr Klown, li xogħlha hu li tferraħ lil tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli fl-isptarijiet.
F’dan l-anniversarju speċjali ONE News tkellem malPpresident tal-organizzazzjoni Eric Muscat, kif ukoll il-psikologu ta’ Dr Klown, Dr Edward Curmi.
Huma qalulna li din l-għaqda bdiet bħala ċajta bejn xi tobba Maltin, wara li Dr Curmi kien ġie lura f’pajjiżna wara xi żmien jistudja barra, fejn ra l-ġid li jagħmlu t-tobba buffi.
Eric Muscat stqarr ma’ dan l-istazzjon kif apparti dan l-anniversarju, l-elfejn wieħed u għoxrin kienet sena speċjali għal raġuni oħra.
Qal, “Dis-sena speċjali ħafna għax nagħlqu għaxar snin bħala organizzazzjoni volontarja. Dis-sena u s-sena l-oħra kienu speċjali ħafna għax kienet diffiċli pjuttost għax ma stajniex immorru l-isptar allura kellna naqilbu l-ħidma tagħna online, li ovjament għall-Clown Doctors u għat-tfal mhiex l-istess ħaġa, però ftaħna orizzonti ġodda.”
Intant, Dr Edward Curmi, li ilu ma’ Dr Klown mill-bidu nett, stqarr kif din l-organizzazzjoni kibret sew minn għaxar snin ilu, u b’hekk irnexxielha tagħmel differenza akbar.
Stqarr li fost l-istejjer li baqgħu miegħu, jiftakar dik ta’ tifel li kien jibża’ mil-labar.
Qal, “Kellu bżonn kuljum jiġi l-isptar u nieħdulu d-demm u dan kien jibża ħafna mil-labar. F’dal każ daħħalna l-clowns magħna, daħħalna ċertu kreattività fis-sitwazzjoni ma’ dan it-tifel u b’xi mod jew ieħor, dan it-tifel kien qed jistenniena kuljum.”
Dr Curmi huwa l-persuna li jgħin lill-buffi b’mod psikoloġiku, hekk kif dawn jaraw ukoll realtajiet xejn sbieħ fl-isptarijiet.
Huwa għalaq b’appell lill-pubbliku.
Qal, “Nemmen ħafna li meta tagħti tirċievi. Hija xi ħaġa sabiħa, hija xi ħaġa li tista’ tgħin lil ħaddieħor. M’hemmx bżonn li tkun taf il-persuna x’għamlet biha imma li tagħti hija xi ħaġa li vera ttik sodisfazzjon minn ġewwa u r-riċerka turiha din il-ħaġa. Bħal ma turi kemm hi importanti li nidħqu daħqa u dik it-tbissima fuq wiċċna tgħin ukoll biex ngħixu ħajja aħjar.”