Il-Membru Parlamentari Laburista Katya De Giovanni fetħet kawża fil-Qorti kontra l-Università ta’ Malta wara li din allegatament iddiskriminat magħha fl-għażla tal-promozzjonijiet bħala ‘Associate Professor’.
Dr De Giovanni kienet diġà fetħet protest fejn iddikjarat li din id-deċiżjoni kienet waħda arbitrarja u inġusta, anke wara li l-bord tal-promozzjonijiet ma tahiex raġuni valida għall-istess deċiżjoni u fil-proċess lanqas indenja ruħu jibgħat għaliha biex jisma’ x’kellha xi tgħid.
Minkejja dan, ONE News hu informat li l-Università lanqas biss daħħlet kontro-protest u għalhekk il-Ġimgħa filgħodu nfetħet il-kawża.
Fil-kawża, iffirmata mill-Avukat Edward Zammit Lewis, Dr De Giovanni semmiet ukoll il-fatt li l-bord lanqas ikkunsidra l-kwalifiċi u l-karigi li għandha, inkluż sitt pubblikazzjonijiet.
Dan anke jekk fil-każ ta’ oħrajn, li kellhom suċċess fl-applikazzjoni għall-istess kariga, ġew ikkunsidrati l-kwalifiċi u l-esperjenzi tagħhom, avolja huma inferjuri minn tagħha.