Fi protest ġudizzjarju, il-Membru Parlamentari Laburista Katya De Giovanni ilmentat li l-Università ta’ Malta ddiskriminat magħha fl-għażla tal-promozzjonijiet fi ħdanha bħala ‘Associate Professor’.
Dr De Giovanni stqarret li tħoss li d-deċiżjoni li ma tintagħżilx għall-pożizzjoni kienet waħda arbitrarja u inġusta magħha, anke wara li l-bord tal-promozzjonijiet ma tax raġuni valida u fil-proċess lanqas indenja ruħu jibgħat għaliha biex jisma’ x’kellha xi tgħid.
Il-protest ġudizzjarju jsemmi wkoll li l-proċess tal-applikazzjoni tawwal bla raġuni għal madwar sentejn u nofs, meta applikanti oħrajn għaddew mill-istess proċess u kellhom suċċess fl-applikazzjoni tagħhom f’perjodu ferm iqsar.
Id-Deputata Laburista argumentata wkoll li din id-deċiżjoni tal-Università ttieħdet abbażi ta’ ftehim kollettiv skadut.
Minbarra dan, De Giovanni semmiet ukoll l-fatt li lanqas ġew ikkunsidrati l-kwalifiċi u l-karigi li għandha, flimkien ma’ sitt pubblikazzjonijiet li l-bord jidher li ma ħax inkonsiderazzjoni.
Dan anke jekk, kompliet De Giovanni, li applikanti oħrajn, li kellhom suċċess fl-applikazzjoni tagħhom għall-istess kariga, ingħataw piż il-kwalifiċi u l-esperjenzi li huma inferjuri ħdejn tagħha.
Fuq dawn il-punti, Dr De Giovannni qed titlob lill-Qorti biex iġġiegħel lill-Università tirrevoka d-deċiżjoni tagħha.