Fl-ewwel diskors tagħha fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar tkellmet favur id-dinjità tal-mara u d-drittijiet tal-attivisti li jipproteġuhom, anke lil hinn mill-fruntieri Ewropej.
Dr Cutajar stqarret dan fid-dibattitu dwar riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fil-konfront tal-Iran u t-trattament ta’ numru ta’ persuni fi ħdanu, l-aktar nisa, li qed jiġu penalizzati minħabba x-xogħol tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija saħqet li filwaqt li l-Ewropa hija tolleranti għal użanzi soċjo-kulturali u fehmiet reliġjużi differenti, ma tista’ qatt tifhem jew taċċetta li dawn jintużaw biex itellfu mit-tgawdija tad-drittijiet tan-nisa. Fuq kollox fissret kif mhux aċċettabbli li l-liġijiet jintużaw biex itellfu lil attivisti u professjonisti li jitħabtu għal soċjetà ħielsa.
B’referenza għal Malta u kif pajjiżna ttraspona Konvenzjonijiet internazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa, Josianne Cutajar sostniet li dan jagħtiha aktar determinazzjoni biex issejjaħ għal riformi legali importanti f’pajjiż bħall-Iran, biex jikkriminaliza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u d-diskriminazzjoni fuq in-nisa.
La nemmnu fis-Saltna tad-Dritt, saħqet Dr Cutajar, dawk id-drittijiet fundamentali nipproteġuhom kullimkien.
Il-Parlament Ewropew għadda din ir-riżoluzzjoni fid-dawl ta’ għadd ta’ rapporti ta’ trattament xejn dinjituż ta’ nisa li organizzaw dimostrazzjonijet paċifiċi favur id-drittijiet tan-nisa flimkien ma’ professjonisti li fittxew li jiddefendu d-drittijiet tal-attivisti.