Il-Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Dr Josianne Cutajar qalet li soċjetà inklussiva hija mira tagħha u parti integrali mill-pjan tal-Gvern għal pajjiżna.
Kien għalhekk li pproponiet li l-Gvern juża l-mezzi tiegħu biex jagħti appoġġ lil negozji żgħar u medji biex jagħmlu l-faċilitajiet u s-servizzi tagħhom aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għal persuni b’diżabilita`.
Hija fissret kif hemm kumpaniji kbar li rnexxielhom itejbu s-servizz u jħarrġu lil impjegati biex jassiguraw li klijenti b’diżabilita` jieħdu l-aqwa assistenza. F’dikjarazzjoni b’saħħitha dwar il-bżonn ta’ aktar aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, Dr Josianne Cutajar, sostniet illi hawn diversi kumpaniji żgħar f’pajjiżna li jixtiequ li jkollhom servizzi aktar aċċessibli għall-persuni b’diżabilità iżda qed isibu diffikultà finanzjarja sabiex ikopru l-ispiza kapitali.
Għaldaqstant hija spjegat kif b’miżura ta’ din ix-xorta, inkunu qed inżidu l-aċċessibilita` mhux biss fiżika imma anke għal servizzi neċessarji.
“Hekk verament naslu biex nagħmlu soċjeta` inklussiva, li tagħti opportunitajiet indaqs,” qalet Dr Josianne Cutajar fit-tieni waħda mis-sensiela ta’ laqgħat ta’ diskussjoni madwar Malta u Għawdex.
Matul il-laqgħa faħħret il-mod kif il-Gvern qed iwettaq rivoluzzjoni siekta fis-settur tad-diżabilita` b’miżuri favur ix-xogħol u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilita`.
Minbarra l-aċċessibilita`, id-diskussjoni li fiha pparteċipa l-pubbliku preżenti, misset ma’ bosta oqsma importanti bħall-kundizzjonijiet ugwali fuq il-post tax-xogħol, l-infrastruttura, l-iżvilupp sostenibbli, u r-rwol tal-politika Ewropea kemm dwar id-delizzji pprattikati f’Malta u Għawdex u kif ukoll dwar il-kunsilli lokali.
Dwar il-kaċċa u l-insib, Dr Cutajar stqarret illi hija konvinta li huma l-minoranza assoluta dawk il-kaċċaturi u n-nassaba li jiksru l-liġi u li qed jirriskjaw it-tgawdija tad-delizzju lil ħafna kaċċaturi u nassaba oħra. Hi qalet li minkejja s-sitwazzjoni diffikultuża li tinsab fiha Malta minħabba gideb u aġir li sar fiż-żmien preċedenti, irid jkollna politika ta’ bilanċ li tippromwovi l-prattika tad-delizzju b’mod għaqli u sostenibbli li jikkonforma mal-liġijiet u dak jagħtina l-awtorita’ li fl-Ewropa niddefendu d-dritt tagħna li nipprattikaw id-delizzji.
“Il-politika tiegħi fuq dan is-suġġett hija mnebbħa mill-konvinzjoni li d-delizzji li nipprattikaw jiffurmaw parti mill-patrimonju storiku u kulturali tagħna,” qalet Josianne Cutajar.
Matul id-diskussjoni uriet biċ-ċar illi filwaqt li tagħti valur importanti lill-iżvilupp, hija trid tara żvilupp li hu sostennibli, mill-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.
Il-Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, qalet illi għaliha “dan hu eżerċizzju politiku importanti ħafna – li nisimgħu lil xulxin u li nagħtu spazju lil xulxin biex niddiskutu”. Hija temmet tgħid li l-għan aħħari ta’ dawn l-elezzjonijiet huwa wieħed, li naspiraw li nkunu rappreżentanti tal-pajjiż fil-fora Ewropej: li nressqu l-Ewropa lejn in-nies u l-komunita’ Maltija u Għawdxija. Dik issir biss minn politiċi li jifhmu r-raħal, jifhmu l-familja u jifhmu dak li jħasseb u jserraħ ras il-ħaddiem, l-anzjan u l-ġenitur.