Dr Ivan Tabone ġie maħtur bħala r-Registratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili u l-Baħħara tal-Awtorità għat-Trasport fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Ħabbret dan Transport Malta fi stqarrija hekk kif ġie spjegat li din il-ħatra tidħol fis-seħħ mill-Ġimgħa 1 ta’ Diċembru 2023.
Fil-fatt, ġie spjegat kif Dr Tabone ggradwa b’dottorat fil-liġi mill-Università ta’ Malta qabel kompla javvanza l-istudji legali tiegħu permezz ta’ Masters Degree fil-Liġi Marittima fl-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali tal-IMO (IMLI).
Dr Tabone okkupa l-kariga ta’ Deputy Chief Officer fi ħdan id-Direttorat tat-Tbaħħir Merkantili ta’ Trasport f’Malta għal dawn l-aħħar seba’ snin. Huwa partikolarment intiż fuq l-element uman fl-industrija marittima u serva wkoll bħala l-Kap tad-Dipartiment tal-Baħħara li huwa responsabbli mit-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-benesseri tal-baħħara. Huwa wkoll kien fdat b’diversi proġetti speċjali li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.
L-espejenza ta’ Dr Tabone ħaditu wkoll f’diversi fora internazzjonali fejn ippartecipa kemm-il darba f’delegazzjonijiet fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO).
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Jonathan Borg awgura, lil Dr Ivan Tabone suċċess fil-ħidma tiegħu fi ħdan l-Awtorità u rringrazzja lis-Sur Ivan Sammut għall-ħidma bla heda tiegħu matul is-snin. Huw awguralu għal kariga ġdida fi ħdan ir-Regional Marine Pollution Emergency Response Centre.