Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat reġa’ organizza l-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat li tmexxa mill-President ta’ Malta George Vella, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Noel Camilleri.
Il-President George Vella fakkar l-importanza li għaqdiet tal-volontarjat ikunu rikonoxxuti u ppremjati ta’ xogħolhom.
Il-President Vella stqarr, “Kienet serata importanti ħafna u twassal messaġġ qawwi, li l-volontarjat li hemm ħafna nies invouti, mhux dejjem isir fl-apert. Tajjeb li nirrikonoxxu n-nies attivi f’dan is-settur.”
Il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat lil Dr George Grech li għal aktar minn ħmistax-il sena, ta servizz mediku b’xejn lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, u kien il-moħħ wara l-proġett ta’ pixxina terapewtika fl-istess Dar.
Il-premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ intrebaħ minn Martina Livori, li ilha attiva fil-volontarjat mindu kellha tnax-il sena.
Dan il-premju ingħata waqt serata organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u jservi sabiex jirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-voluntiera fil-komunità Maltija.
Hija qalet, “Fis-Salesjani bdejt minn ta’ età żgħira u meta kbirt ħassejt li għandi nagħti xi ħaġa lura minn dak li ngħatajt, u hekk spiċċajt involuta, u llum qegħdin hawn.”
Is-Segretarju Parlamentari Grima ħabbar li l-iskema tal-Għajnuna Operazzjonali se tiġi estiża fil-ġimgħat li ġejjin. Din gawdew minnha diversi għaqdiet volontarji permezz ta’ investiment ta’ €3 miljun fl-2020.
Huwa sostna, “Irrid ngħid ukoll li se naħdmu id f’id mas-settur biex ikompli jikber, jagħmel il-ġid, u jġib bidla pożittiva fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Se nħabbru aktar fondi fil-jiem li ġejjin.”
Ritratti: MISW_PS