Dr Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, tan-nazzjonalità barranija huma żewġt irġiel li nqatlu ġewwa residenza privata f’Tas-Sliema.
Huma inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar, fid-dar ta’ Pandolfino, li huwa professjonist mediku.
Il-każ seħħ tard it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-10:30pm fi Triq Locker kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl, meta nstemgħu xi tiri sparati.
Għadu mhux magħruf x’kien l-mottiv wara dan l-omiċidju doppju. Bil-pulizija mhux teskludi żewġ xenarji li jew xi ħadd prova jidħol fid-dar biex jisraq jew jekk allegatament kienx hemm xi persuni ġewwa u seħħ xi argument li wassal għal dan il-qtil.
Huwa mifhum li Pandolfino kien tabib li sar bankier snin ilu u għamel xi żmien barra minn Malta f’Londra fejn għamel suċċess fil-karriera tiegħu u mbagħad ġie lura pajjiżna madwar 15 -il sena ilu.
Il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani spjega li kienu l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li waslu mal-ewwel fuq il-post wara rapporti li nstemgħu tiri fir-residenza privata.
Pisani spjega li ż-żewġt irġiel instabu f’postijiet differenti fid-dar. Wieħed mill-irġiel instab fis-sular ta’ isfel, filwaqt li ieħor instab fis-sular ta’ fuq.
Matul il-lejl, il-pulizija għamlet diversi tfixxijiet f’diversi lokalitajiet għall-persuni li wettqu dan l-omiċidju doppju.
Il-pulizija bdiet tevalwa l-cameras tas-sigurtà f’din it-triq u anki tkellmet ma’ xi ġirien.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew minn uffiċjali tar-reati maġġuri. Inħatret ukoll inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Ian Farrugia.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2020/08/18/zewg-persuni-mejta-wara-serqa-fdar-ftas-sliema/