Dr Andrew Micallef huwa r-rebbieħ tal-edizzjoni 2023 tal-Premju BOV fil-Mediċina.
Fi stqarrija l-BOV qal kif Dr Micallef kiseb dan l-unur mogħti mill-Bank of Valletta b’rakkomandazzjoni tad-Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u billi kiseb l-ogħla marki fl-eżamijiet finali ta’ kwalifika fil-Mediċina matul l-aħħar sena tal-kors tiegħu fl Università ta’ Malta.
Charles Azzopardi, Head CSR Dept fi ħdan il-Bank of Valletta u Prof Stephen Montefort, Deputat Dekan tal-Mediċina u Kirurġija u Kap tad-Dipartiment tal-Mediċina fi ħdan l-Università ta’ Malta ppreżentaw il-Premju lil Dr Micallef li jikkonsisti f’ċertifikat kommemorattiv u ogħtja fi flus mill-Bank of Valletta.
‘Il-Premju BOV fil-Mediċina twaqqaf fl-2006 biex jirrikonoxxi lil dawk l-individwi li eċċellaw fl-istudji tagħhom u li żgurament se jkunu l-aqwa t-tobba tal-lum u ta’ għada,’ qal Charles Azzopardi, ‘Aħna kburin li niltaqgħu ma’ Dr Micallef u nippreżentawlu t-18-il edizzjoni tal-Premju BOV fil-Mediċina u nawgurawh suċċess fil-professjoni medika tiegħu’.
Il-Premju BOV fil-Mediċina jifforma parti mill-impenn tal-Bank of Valletta għall-eċċellenza fl-edukazzjoni bħala parti mill-Programm Komunitarju estensiv tiegħu u l-isforzi tal-Bank sabiex jagħti aktar valur fil-Komunità li fiha jopera lil hinn milli jipprovdi servizzi finanzjarji.