Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ħabbar li l-prijorità ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, bejn Mejju u Novembru tas-sena d-dieħla, se tkun dik taż-żgħażagħ. Hu kien qed jitkellem fil-Parlament hekk kif bdew jiġu diskussi l-estimi tal-Baġit 2025, bl-ewwel wieħed ikun proprju dak taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Dr Borg qal kif, f’dan il-perjodu, Malta se tospita laqgħa tal-Ministri taż-Żgħażagħ, li se ssir għall-ewwel darba wara tlettax-il sena.
Il-Ministru Borg sostna din is-sena kienet waħda storika għall-affarijiet barranin f’pajjiżna, hekk kif Malta serviet it-tieni sena fil-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Maqgħuda u kellha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg semma kif is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken, iddeskriva lil Malta bħala aġent onest tal-paċi.
Dwar il-Presidenza tal-OSCE, il-Ministru Borg sostna li tul din is-sena kellu laqgħat ma’ mexxejja mill-pajjiżi membri stati u spjega kif, fil-bidu tax-xahar id-dieħel, Malta se tospita s-Summit tal-Ministri ta’ din l-Organizzazzjoni.
“Il-laqgħa nżommuha f’pajjiżna, ikunu mistiedna s-56 pajjiż ieħor biex nipprattikaw it-twemmin tagħna favur id-djalogu u l-kunsens, minflok il-konfrontazzjoni u l-mibegħda. Se tkun opportunità din biex inkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fost pajjiżi ’l bogħod minnha, li rari jkollna opportunità niddjalogaw magħhom.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dwar il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, id-Deputat Prim Ministru saħaq li pajjiżna kompla jwassal il-messaġġ għall-paċi.
Hu enfasizza li Malta se taħdem biex toffri s-servizz tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-2032 u l-2034, waqt li se ssir ħidma biex pajjiżna jerġa’ jkollu siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà bejn l-2045 u l-2046.