Reviżjoni li saret minn regolaturi Amerikani dwar il-vaċċin tal-Johnson & Johnson kontra l-COVID-19 li jingħata f’doża waħda, sabet li huwa sigur u effettiv.
Ir-rapport jikkonkludi li l-vaċċin tal-Johnson & Johnson għandu benefiċċji biex inaqqas kemm is-sintomi kif ukoll mard serju b’rabta mal-COVID-19.
Dan l-iżvilupp se jwitti t-triq biex dan il-vaċċin ikun it-tielet kontra l-Coronavirus li jiġi awtorizzat fl-Istati Uniti, possibilment fil-jiem li ġejjin.
Dan il-vaċċin għandu jkun alternattiva għal dawk tal-Pfizer u l-Moderna, u jista’ jinżamm fi friġġ minflok fi friża.
Riżultati minn provi li saru fl-Istati Uniti, fl-Afrika t’Isfel u fil-Brażil sabu l-vaċċin effettiv fost l-agħar effetti li jista’ jħalli l-virus, minkejja li l-protezzjoni kienet inqas fl-Afrika t’Isfel u fil-Brażil fejn qed jiddominaw il-varjanti tal-virus.