Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li min-nofs Settembru li ġej, Malta se tkun qed tagħti doża addizzjonali tal-vaċċin għall-persuni vulnerabbli fosthom anzjani fid-djar tal-anzjani.
Qal li dawn se jirċievu stedina biex jieħdu t-tilqima.
Mistoqsi minn ONE News kemm hemm persuni li se jiġu bżonn doża addizzjonali tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru wieġeb li hemm 15,000-il persuna.
Dwar it-tilqim ta’ nisa tqal, Chris Fearne qal li l-parir tal-professjonisti huwa li n-nisa t-tqal li jinsabu fit-tieni jew fit-tielet trimestru tagħhom jistgħu jitlaqqmu fuq parir tat-tabib tagħhom.
Qal li r-riskju li mara tqila minn tlettax-il ġimgħa ’l fuq ma tiħux it-tilqima huwa ferm ikbar milli tieħu l-vaċċin.
Dan sostnieh wara laqgħat mal-Kulleġġ Malti tal-Ġinekoloġija.
Chris Fearne tenna l-appell li l-irġiel ta’ nisa tqal jitlaqqmu ħalli jkomplu jipproteġu lil ta’ madwarhom.