Fl-okkażjoni tal-bidu ta’ ‘Down Syndrome Week’, nawguralkom attivitajiet sbieħ, attivitajiet fejn ikollna l-opportunità li naraw it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna fl-aqwa tagħhom
Dan kien l-awgurju tal-President Marie-Louise Coleiro Preca fil-bidu tal-attivitajiet fl-okkażjoni ta’ Down Syndrome Week, liema attivitajiet huma organizzati minn Down Syndrome Association Malta.
B’referenza għat-tema ta’ din is-sena, ‘What I Bring to My Community’, il-President Coleiro Preca qalet li mill-esperjenza tagħha fil-komunitajiet, “dawn iż-żgħażagħ u t-tfal iġibulna ħafna ferħ fil-komunità Maltija – ferħ għall-abbiltajiet diversi tagħhom, abbiltajiet li ma nindunawx bihom jekk ma jkollniex għajnejna miftuħin”.
Qalet ukoll li dawn it-tfal u ż-żgħażagħ iġibuna iktar sensittivi għall-ħajja u għal ċerti sfidi u jagħmluna aħjar bħala komunità.
“L-inklużjoni tagħmel lil kulħadd aħjar.”
“Meta nagħtu spazju lil kulħadd, meta s-soċjetà tagħna tiftaħ qalbha u tagħti tassew l-ispazju lil kulħadd, jiġifieri tkun tassew soċjetà inklussiva, hemmhekk inkunu qed niċċelebraw b’mod sħiħ id-drittijiet umani li huma ta’ kull wieħed u waħda minna”, żiedet il-President.
Hekk kif din is-sena jiġi mfakkar is-sebgħin anniversarju tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Umani, il-President qalet li din is-sena, “irridu nqisuha sena fejn nagħmlu aktar sforz biex ninfetħu bħala komunitajiet u bħala soċjetà ħalli nassiguraw li kulħadd f’pajjiżna jkollu l-ispazju tiegħu u jħossu inkluż, iħossu parti integrali”.
B’hekk, spjegat il-President, nassiguraw li d-drittijiet umani jkunu jfissru, fil-prattika, xi ħaġa importanti għalina. Meta jkollna soċjetà inklussiva nassiguraw li nsaħħu d-demokrazija tagħna.
Il-President uriet apprezzament lejn id-Down Syndrome Association tax-xogħol li tagħmel ma’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ u appellat biex din l-assoċjazzjoni tkompli tikber u tissaħħaħ ħalli tkompli tagħti għarfien u toħloq kuxjenza biex b’hekk kulħadd jifhem il-bżonn li nkunu soċjetà inklussiva.
Il-President irringrazzjat lill-ġenituri tat-tfal u taż-żgħażagħ bil-kundizzjoni tad-down syndrome tal-ħidma tagħhom mhux biss ma’ uliedhom iżda wkoll mas-soċjetà tagħna.
“Komplu aħdmu bl-aktar mod sħiħ ħalli tagħmlu minn din is-soċjetà tagħna soċjetà kompluta, inklussiva, soċjetà li tagħti d-dinjità lil kulħadd, soċjetà li tassew tosserva, tagħti ġieħ u tirrispetta d-drittijiet umani, imma wkoll soċjetà li tkun demokratika”, qalet il-President.
Ritratti: OPR