• Jilmenta minn Maġistrat eks PL, imma mhux minn Maġistrat eks PN
L-avukat Jason Azzopardi lmenta u talab li kawża li fetaħ is-Sindku tar-Rabat Għawdex, Samuel Azzopardi, ma tinstemax quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri. Dan għax kienet kandidat tal-Partit Laburista. Meta mistoqsi jekk kienx jagħmel l-istess ilment li kieku l-kawża kienet assenjata lil Paul Coppini, eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista, bla mistħija wieġeb li le.
Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Samuel Azzopardi, is-Sindku tar-Rabat li nstab ħati li saq taħt l-effett tal-alkoħol u rrifjuta li jagħmel test tan-nifs. Dan fi proċeduri ta’ libell li Azzopardi fetaħ kontra l-Ministru Anton Refalo, b’rabta ma’ kummenti li għamel fuq l-istess każ.
Meta dehru quddiem il-Maġistrat Vella Cuschieri, Azzopardi qal li fid-dawl li din hi kawża ta’ libell magħmula minn politiku kontra politiku ta’ partit ieħor, il-Qorti setgħet tidher bħala mhix imparzjali. Għaldaqstant talab li Vella Cuschieri ma tismax il-kawża li beda s-Sindku, li wara li nstab ħati, reġa’ nħatar fil-kariga tiegħu u saħansitra talab li ma jiskotax sospensjoni tal-liċenzja.
Filwaqt li kwota artikli tal-liġi u konvenzjonijiet, Azzopardi nsista dwar it-talba tiegħu. Iżda mbagħad il-Qorti għamlitlu mistoqsija sempliċi.
“Li kieku l-kawża ġiet assenjata quddiem il-Maġistrat Paul Coppini, li kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista qabel sar Maġistrat kien jitlob l-istess?” Jason Azzopardi wieġeb: “Le”
Hawn il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, li tkun assenjata liema kawżi tisma mill-Prim Imħallef, iddikjarat li meta nħatret fil-kariga, ħadet ġurament ta’ indipendenza u imparzjalità, dejjem hekk imxiet u hekk se timxi. Għaldaqstant irrifjutat it-talba ta’ Azzopardi u ordnat biex f’Ottubru tkompli tisma’ l-każ.