Ġiet imnedija pubblikazzjoni, magħmula minn 28 student fi ħdan il-Fakultà tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta.
Din il-pubblikazzjoni, bl-isem ta’ dot dot dot, rat il-parteċipazzjoni ta’ ħames timijiet differenti, li lkoll ħadmu għal għan aħħari: dak li jagħtu tifsira differenti lill-kreattività.
Tkellimna ma’ Luca Pirotta, student li sa minn Diċembru ħadem biex jara din il-pubblikazzjoni timmaterjalizza ruħha, permezz tal-aspett viżwali.
“Aħna bażikament ibbażati fuq il-pawża tal-kreattività. It-tliet dots tal-logo tagħna jirrappreżentaw tliet dots f’sentenza, li tirrappreżenta pawża. Jiġifieri din tirrappreżenta l-pawża, fil-kreattività, kif jirnexxielu joħroġ minnha biex jikkrea iżjed, isir aktar kreattiv bażikament.”
Tkellimna wkoll ma’ Casey Mifsud, li ħadmet fuq il-magażin mill-aspett tal-marketing.
“Kollha flimkien qegħdin marketing, editorial, design, visuals – naħdmu flimkien biex nikkreaw dan il-proġett sabiħ. Ilna żewġ semestri naħdmu fuqu, minn Diċembru kkreajna din il-pubblikazzjoni li qed titnieda llum.”
Wara t-tnedija, l-istudenti qassmu wkoll kopji tar-rivista lil studenti oħra, fuq il-kampus tal-Università.
Intant, il-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni, il-Professur Ġorg Mallia, awgura lill-istudenti u faħħar ix-xogħol tagħhom.