Telgħu għal 43 l-imwiet vittmi tal-urugan Dorian fil-Baħamas, iżda dan in-numru mistenni jiżdied matul il-jum tas-Sibt.
Mijiet ta’ persuni diġà ħallew arthom filwaqt li eluf oħra qed jistennew biex jiġu evakwati mill-gżejjer tal-Gran Abaco u Grand Bahama – li huma l-aktar żewġ gżejjer milquta – biex jevitaw il-ħerba li qed iħalli l-Urugan.
Dawk li qed jistennew li jiġu evakwati esprimew il-frustrazzjonijiet tagħhom hekk kif l-evakwazzjoni qed tieħu bil-mod. Intant, il-Prim Ministru tal-Baħamas, Hubert Minnis, tkellem mal-vittmi u appella għall-kalma filwaqt li wiegħed aktar trasport b’xejn.
L-urugan Dorian, li issa jinsab f’kategorija wieħed, qed jersaq lejn il-Lvant tal-Istati Uniti lejn Nova Scotia.