Sliema W. ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu l-isfida ta’ Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewg goals għalihom jaslu minn doppjetta personali ta’ Simon Zibo, wieħed f’kull taqsima.
Birkirkara kellhom lill-goalkeeper Taljan Giacomo Volpe sospiż, biex minfloku ddefenda l-lasti Matthew Grech. Sospiż għalihom ukoll kien Ignacio Manuel Morello.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara kwarta logħob meta freekick tal-ispeċjalista Steve Pisani ntemm barra.
Birkirkara wieġbu tliet minuti wara permezz ta’ xutt fl-baxx ta’ Stephane Donovan Makoma li ntemm barra.
Iżda kienu Sliema li fetħu l-iskor fit-22 minuta meta f’azzjoni maħduma bizzilla bejn Simon Zibo u Pisani, kien l-istess SIMON ZIBO li venven xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Grech, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka proprju kontra l-ex team tiegħu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-37 minuta resqu viċin li jirduppjaw l-iskor meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Wescley, kellu x-xutt tiegħu jintemm barra.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jirdoppjaw l-iskor fil-50 minuta meta Jean Borg minn qagħda ideali spara għoli. L-Istripes wieġbu tliet minuti wara permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Maxuell Maia, bil- ballun jintemm għoli.
Huma komplew ikunu iktar perikolużi u fis-56 minuta, wara li rċieva minn cross pinġut ta’ Gislain Yipke, Pablo Leonel Gaitan kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm barra.
Sliema reġgħu ħolqu l-periklu żewġ minuti wara meta Gustavo Alcino għadda tajjeb lejn Vito Plut li kellu x-xutt ċentrali tiegħu faċilment salvat minn Grech. Birkirkara ġabu l-iskor indaqs fil-61 minuta meta PAUL MBONG temm azzjoni personali permezz ta’ xutt mill-isbaħ mid-distanza li ntemm fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
Tliet minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Plut għall-Wanderers, intemmet ftit għoli. Huma komplew fuq l-offensiva u fit-72 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa għalihom meta f’azzjoni oħra maħduma ferm tajjeb bejn Steve Pisani u SIMON ZIBO, dan tal-aħħar irreġistra doppjetta personali b’xutt mill-isbaħ, li ma ta l-ebda ċans lil Grech.
Fil-ħin miżjud l-istess Zibo saħansitra kellu l-opportunitá li jgħaqqad hat-trick personali iżda Grech salva tajjeb t-tentattiv mill-viċin tiegħu.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Simon Zibo (Sliema W.)