Donna Borg Sciberras ġiet ikkundannata tmienja u għoxrin sena ħabs għas-sehem tagħha fl-attentat ta’ qtil tan-negozjant Joseph Carabott fil-ħanut tad-deheb tiegħu fiż-Żurrieq.
Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2023 meta Borg Sciberras, flimkien ma’ żewġ Marokkini, Zaouhair Hadoumi u Mohamed Anas Boualam, ippjanaw li jisirqu l-ħanut Carabott Jewellers.
Il-Marokkini, iżda, għadhom ma ġewx ikkundannati għall-involviment tagħhom fil-każ.
Il-kundanna ta’ Borg Sciberras waslet fid-dawl li ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha u ġie rreġistrat qbil dwar il-piena bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża.
Kien għalhekk li l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, sabitha ħatja u kkundannata s-sentenza ta’ ħabs effettiva, flimkien mal-konfiska ta’ depożitu u garanzija personali li kienet ingħatat b’rabta ma’ każ ieħor, b’valur ta’ għaxart elef, mitejn u ħamsin ewro f’depożitu u garanzija personali.
Minbarra hekk, Borg Sciberras ġiet ordnata tħallas ftit inqas minn tnax-il elf ewro fi spejjeż tal-Qorti, €8,000 f’kumpens lill-vittma għall-ġrieħi li kkaġunatlu u ordni ta’ protezzjoni favur Joseph Carabott ukoll.
Fil-hold-up, Carabott kien sofra ġrieħi gravi f’rasu kawża tax-xebgħa li kien qala’ u, fil-Qorti, kien ġie indikat mit-Tabib Mario Scerri li sofra diżabilità permanenti, tant li lanqas seta’ jixhed fil-kawża.