Il-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, ħabbar donazzjoni ta’ €10,000 b’risq Puttinu Cares. Dan proprju sar waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li saret b’risq Puttinu Cares fil-Ġimgħa l-Kbira.
Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, Raymond Ellul sostna li din id-donazzjoni se tgħin biex ittaffi mill-piżijiet tal-pazjenti u tal-familji li għaddejjin minn mumenti diffiċli.
Intqal kif l-NDSF appoġġja l-aħħar inizjattiva ta’ Puttinu Cares, l-akkwist ta’ 21 appartament f’Londra taħt l-isem ‘Dar Calvagna’. Dan permezz ta’ għotja soċjali ta’ €5 miljun. Ingħad kif il-Fond impenja wkoll €100,000 biex jgħin lil Puttinu jikri appartamenti għal tfal Ukreni li qed ifittxu kura medika urġenti fir-Renju Unit.
Bit-tema ‘dar bogħod mid-dar’, Dar Calvagna hija msemmija wara l-mibki Dr Victor Calvagna, il-membru fundatur tagħha, u se tipprovdi akkomodazzjoni lil kull ċittadin Malti li jkollu bżonn jivvjaġġa lejn Londra għal kura medika urġenti.