Il-kumpanija tal-films Ċiniża Hongyo Culture Development tat donazzjoni ta’ 100,000 maskla biex jgħinu lill-Gvern Malti fil-ħidma tiegħu kontra l-firxa tal-Coronavirus.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr li dan qed ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Filwaqt li appella kontra l-ħruġ mingħajr bżonn, Debattista spjega li dawn il-maskli se jkunu qed jitqassmu lil diversi korpi u entitajiet fosthom lill-Armata, Pulizija, Servizzi Korrettivi u Dipartiment tat-Tindif.
Il-Ministru ghall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo spjega li l-kumpanija li ħallset għal dawn il-maskli fil-passat ġibdet diversi films f’pajjiżna u li kieku ma kienx hawn din il-pandemija kienet se tkun qed tiġbed film ieħor f’dan iż-żmien.
Bartolo appella wkoll lill-Unjoni Ewropea biex tgħin aktar lill-pajjiżi milquta minn dan il-virus.
“Importanti li pajjiżi ċkejknin ma jiġux imwarrba, ma jiġux minsija, suppost hemm suq wieħed li jfisser li prodotti jiċċaqalqu u ma tistax tipprojbixxi prodotti l ijaslu minn pajjiżi oħra. Nixtiequ li jkun hemm aktar solidarjetà għaliex inkella l-Unjoni Ewropea nnifisha se tidgħajjef għax ikun hemm pajjiżi barra mill-UE li jkunu qed jgħinu pajjiżi tal-UE aktar mill-Unjoni Ewropea nnifisha”
Huwa rringrazzja lill-kumpanija Ċiniża għad-donazzjoni tagħha u lill-kumpanija Maltija Triton Film Productions u appella għal aktar kumpaniji sabiex isegwu l-passi tagħha.
Il-Ministru Bartolo rringrazzja wkoll il-Gvern Ġermaniż fejn permezz tal-linja tal-ajru Lufthansa qed iwassal diversi Maltin maqbuda f’pajjiżi barra mill-Ewropa.
Dwar ir-ripatrijazzjoni tan-nies, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin baqa’ għaddej b’ħidma biex dawn in-nies imorru lura f’pajjiżhom.
Spjega li l-Gvern Malti għen lil ħafna Taljani, Spanjoli, Brittanċi, Franċiżi u Eġizzjani maqbuda Malta billi pprovdilhom vjaġġi bl-Airmalta lejn pajjiżhom bi spejjeż għall-Gvern Malti.