Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess, f’kollaborazzjoni mal-APS Bank u l-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċess (FIDE), bi pjaċir tħabbar li ser tkompli tagħti donazzjonijiet ta’ settijiet taċ-ċess lill-iskejjel Maltin u Għawdxin. Din l-inizjattiva hija parti mill-isforz kontinwu tal-Federazzjoni sabiex tippromwovi l-logħba taċ-ċess fost l-istudenti u ż-żgħażagħ, filwaqt li tħeġġeġ l-iżvilupp intellettwali ta’ dawn l-istudenti permezz tal-ħsieb u ppjanar strateġiku li tirrikjedi il-logħba taċ-ċess.
S’issa ġew mogħtija settijiet taċ-ċess u arloġġi lil 15-il skola f’Malta u 11 ġewwa Għawdex, fosthom St. Aloysius College, Junior College, Sacred Heart, Archbishop Seminary u Rabat Middle School f’Malta, u l-iskejjel Primarji tal-Qala, Żebbuġ, Xewkija u Għajnsielem f’Għawdex. Uħud mill-iskejjel ġew ukoll mgħejuna sabiex iwaqqfu clubs dedikati għat-tagħlim taċ-ċess, biex bhekk jitkompla it-tnissil ta’ interess fil-logħba fost l-istudenti.
Minbarra l-għoti tas-settijiet taċ-ċess, il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess għenet ukoll sabiex jiġu organizzati lezzjonijiet taċ-ċess kull ġimgħa f’xi skejjel. Dan kompla jisgura li l-istudenti qegħdin jirċievu gwida professjonali u għandhom ukoll kull opportunità li jkabbru l-ħiliet tagħhom. Din l-inizjattiva mistennija li ssaħħaħ iktar l-attivitajiet extra kurrikulari li huma offruti għall-istudenti fl-iskejjel, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħsieb.
L-għajnuna tal-APS Bank u tal-FIDE kienu strumentali sabiex dan il-proġett setgħa jsir realtà, u bhekk iċ-ċess jingħata importanza bħala għodda edukattiva ta’ valur. Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess hija kommessa li tkompli dan ix-xogħol li qed jintroduċi l-benefiċċji taċ-ċess lil studenti madwar il-gżejjer Maltin.
L-iktar donazzjonijiet riċenti saru matul ix-xahar t’April, fl-aħħar Interschools Tournament fl-iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli, fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola. Dan it-tournament ra l-parteċipazzjoni ta ‘l fuq minn 150 tifel u tifla.
Jeremy Vassallo mill-APS Bank u l-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess Duncan Vella, ippreżentaw settijiet taċ-ċess u arloġġi lil De La Salle College, St. Theresa College Mrieħel Secondary, St. Michael School, National Sports School, Żejtun Middle & Secondary School, Malta Visual & Performing Arts School u St. Albert College.
Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess għandha l-intenzjoni li tkompli bid-donazzjonijiet tagħha f’Ottubru, hekk kif l-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika li jmiss.