Il-President Amerikan Donald Trump ma nstabx ħati ta’ abbuż ta’ poter u li ostakola lill-Kungress Amerikan.
Dan hekk kif illejla ġie konkluż il-ġuri li kien għaddej il-President Amerikan fis-Senat.
B’hekk Trump se jkun jista’ jibqa’ fil-kariga sat-tmiem tal-mandat tiegħu fl-20 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, u jkun jista’ jerġa jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru li ġej.
Ir-riżultat kien mistenni hekk kif is-Senat għandu maġġoranza Repubblikana.
52 senatur Amerikan ma sabux lil Trump ħati tal-ewwel akkuża, bi 48 jivvutaw li jikkundannaw lill-President. Hawnhekk id-Demokratici kollha vvutaw li jikkundannaw, flimkien mas-senatur Repubblikan Mitt Romney.
Fit-tieni akkuża l-votazzjoni kienet skont il-linji partiġġjani bit-53 senatur Repubblikan jivvutaw li jeħilsu lill Trump bis-47 senatur Demokratiku jivvutaw kontra Trump.
Biex Trump jinstab ħati u jitneħħa mill-kariga kien hemm il-bżonn ta’ 67 vot kontrih f’minn tal-inqas waħda miż-żewġ akkużi.
Dan il-process iġib fi tmiemu ħmistax-il ġurnata ta’ drama politika fl-Istati Uniti wara li f’Dicembru li għadda l-Kamra tar-Rappreżentanti kienet ivvutat favur l-impeachment għal Trump.