Ilbieraħ, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar li kien se jimplimenta 25% tariffa fuq vetturi li jkunu importati fl-Istati Uniti, f’mossa li, skontu, se tkun qed tagħti nifs lill-manufatturi Amerikani.
Trump iddikjara li din se tkun permanenti u li t-tariffi kienu se jidħlu f’effett mill-ġimgħa d-dieħla fit-3 t’April.
Iżda analisti diġà avżawh li dan wisq probabbli se jkun qed jaffetwa l-industrija tal-karozzi Amerikani hekk kif dawn jimportaw partijiet minn madwar id-dinja fejn allura se jkunu qed jaffaċjaw spejjeż aktar u anqas bejgħ.
Qed jiġi stmat li l-prezz medju ta’ karozza importata wisq probabbli se jiżdied b’madwar €11,000 jekk il-piż tat-taxxi se jġorru kollu x-xerrej u li għalhekk dan se jkun qed jikkontribwixxi għall-inflazzjoni ġenerali.
B’reazzjoni ta’ dan, kumpaniji li jimmanifatturaw il-karozzi diġà raw l-ishma tagħhom jaqgħu fil-borża tan-negozju.
Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, esprimiet id-dispjaċir tagħha għal din id-deċiżjoni u wegħdet li l-Unjoni Ewropea kienet se tipproteġi kemm il-konsumatur kif ukoll in-negozji. Hija saħqet li tariffi huma taxxi u ma kienux tajba għan-negozji u agħar għall-konsumatur, kemm dawk fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Hija qalet li l-Eżekuttiv tal-UE kien se jkun qed janalizza l-impatt ta’ din il-mossa kif ukoll tariffi Amerikani oħra ippjanati fil-jiem li ġejjin.