Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President il-ġdid tal-Istati Uniti Donald Trump iddefenda d-deċiżjoni tiegħu li jagħti maħfra lill-persuni li instigaw l-irvellijiet f’Capitol Hill nhar is-6 ta’ Jannar 2021 fosthom dawk ħatja li attakkaw uffiċjali tal-pulizija.
Trump ta x’jifhem li anzi jista’ jkun hemm post fil-politika Amerikana għall-gruppi estremisti ‘Proud Boys’ u ‘Oath Keepers’ li organizzaw il-manifestazzjoni u instigaw lid-dimostranti bi vjolenza fl-irvell tas-6 ta’ Jannar. Il-mexxejja taż-żewġ gruppi kienu nstabu ħatja ta’ dan l-att ta’ konspirazzjoni kontra l-Istati Uniti. Enrique Tarrio, il-kap tal-Proud Boys ingħata l-itwal sentenza ta’ 22 sena ħabs qabel ma tah il-maħfra Trump.
Trump utilizza l-ewwel sigħat tiegħu fl-Uffiċċju Ovali fil-White House sabiex abolixxa l-kundanni ta’ aktar minn 200 persuna li ddikjaraw lilhom infushom ħatja li attakkaw uffiċjali tal-pulizija fl-irvell ta’ Capitol Hill erba’ snin ilu u ħeles mill-ħabs madwar 1,500 ruħ ikkundannati b’attentat ta’ kolp ta’ stat.
Dawn l-irvellijiet kienu instigati wara li Trump irrifjuta li jaċċetta t-telfa fl-elezzjoni presidenzjali tal-2020 li fiha ħareġ rebbieħ id-Demokratiku Joe Biden. Mill-anqas 140 uffiċjal kien safa’ midrub, ħafna minnhom imsawta, bi ġrieħi mdemmija u mgħaffġa mill-folla meta s-segwaċi ta’ Trump ippruvaw idawru r-riżultat tal-elezzjoni.
Skont Trump is-sentenzi mogħtija mill-qorti kienu redikoli u eċċessivi hekk kif tenna li dawn kienu nies li jħobbu l-pajjiż u li ħafna minnhom kienu ikkundannati fuq ċuċati. Huwa qal ukoll li kien rebaħ l-elezzjoni kontra Kamala Harris b’mod konvinċenti għax il-poplu Amerikan kien xeba’ min-nies li jaraw sa mneħirhom u nies orribbli.
Trump, li qed iservi għat-tieni darba bħala President tal-Istati Uniti qal li t-terminu tiegħu se jkun wieħed li jaħsad lin-nies u insista li l-politika tiegħu dejjem se tkun qed tpoġġi lill-Amerika l-Ewwel sabiex iġib lura l-glorja tal-passat li kienet ġiet imtappna matul l-erba’ snin tal-amministrazzjoni ta’ Biden.