Donald Trump ħa l-ġurament tal-ħatra bħala s-47 President tal-Istati Uniti.
Huwa għamel din il-ħalfa quddiem il-poplu Amerikan, it-Tnejn, għall-ħabta ta’ nofsinhar, ħin Amerikan.
Donald Trump ħa l-ġurament tal-ħatra wara r-rebħa fl-elezzjoni Presidenzjali f’Novembru li għadda.
Din il-ġurnata bdiet b’quddiesa fil-Knisja Episkopali ta’ San Ġwann, viċin il-White House.
Minn hawn, Trump flimkien ma’ martu Melania marru lejn il-White House. Hawnhekk iltaqgħu mal-President uxxenti tal-Istati Uniti Joe Biden, flimkien ma’ martu Jill.
Hawnhekk Biden qal lil Trump “merbħa d-dar”.
Biden u Trump kellhom laqgħa flimkien u marru lejn ir-Rotunda ta’ Capitol Hill.
Din l-inawgurazzjoni saret ġewwa l-Capitol Hill, wara erbgħin sena, minħabba l-kesħa li ħakmet il-kapitali Amerikan, Washington DC. L-aħħar darba li din iċ-ċerimonja saret fuq ġewwa ta’ Capitol Hill kienet fl-1985, meta dakinhar ħa l-ġurament, il-President Ronald Reagan.
Dan filwaqt li eluf ta’ partitarji nġabru f’Capital One Arena sabiex jagħtu s-sapport għal din il-Presidenza l-ġdida.
L-ewwel li ħa l-ġurament kien JD Vance bħala Viċi President u wara Donald Trump bħala President.
Preżenti wkoll kien hemm l-eks Presidenti tal-Istati Uniti Bill Clinton, George Bush u Barack Obama.
Preżenti f’isem pajjiżna hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, li huwa wieħed mit-tmin dinjitarji mistiedna għal dan l-avveniment storiku.
Mexxejja bħal l-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Olaf Scholz u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ma kienux mistiedna għal dan l-avveniment.
Mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kien biss preżenti l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni u d-Deputat Prim Ministru Malti Ian Borg.
Fuq Instagram, id-Deputat Prim Ministru Borg ippubblika ritratt ma’ iben Trump, Donald Trump Jr.
Sadanittant qabel temm il-kariga tiegħu, il-President Biden ta maħfra Presidenzjali preventiva lil tliet uffiċjali li ħadmu fis-servizz pubbliku Amerikan, skontu, biex jiġu protetti minn kull tip ta’ prosekuzzjoni jew ritaljazzjoni mill-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Trump.
Sadanittant, fost dawk li awguraw lil Donald Trump kien hemm anke l-President Russu Vladimir Putin u l-President Ukren Volodymr Zelensky.