Donald Trump jidher li warrab għal kollox il-politika tal-preċedessur tiegħu Joe Biden ta’ favur l-Ukrajna hekk kif f’kummenti li ta wara l-laqgħa bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio f’Riyadh l-Arabja Sawdija, deher jitfa’ l-ħtija tal-kunflitt fuq l-Ukreni.
Wara li naqas milli jinkludi lill-President Volodymr Zelensky mit-taħdidiet, it-Tlieta akkuża lill-Ukrajna li bdew il-kunflitt li qered it-territorju u ħalla eluf ta’ ċittadini mejta. Filwaqt li ftaħar bil-ħiliet tiegħu ta’ negozjatur huwa ddikjara li jaħseb li għandu l-poter li jtemm il-gwerra. F’kummenti ostili kontra l-President Ukren, Trump esprima wkoll is-sentiment tal-President Russu Vladimir Putin, hekk kif qal li wasal iż-żmien għal elezzjoni fl-Ukrajna li turi biċ-ċar li jrid li jinbeda l-proċess sabiex jitwarrab Zelensky.
Dawn il-kummenti jikkontradixxu l-assigurazzjonijiet li għamel Marco Rubio wara l-laqgħa tiegħu ma’ Lavrov, li kwalunkwe ftehim milħuq se jkun wieħed ġust għaż-żewġ partijiet filwaqt li se jżidu t-tħassib mill-Istati Ewropej, li wkoll ma kienux inklużi fid-diskussjonijiet tat-Tlieta, li Trump se jkun qed jimponi ftehim ta’ paċi fl-Ukrajna li jiffavorixxi lil sieħbu fil-Kremlin.
Sadanittant Lavrov qal li pajjiżu ma kienx se jaċċetta forzi taż-żamma tal-paċi minn pajjiżi fin-Nato fl-Ukrajna bħala parti minn xi ftehim, b’referenza għall-proposta mqajma waqt laqgħa tal-membri Ewrorpej tan-Nato f’Pariġi nhar it-Tnejn. Il-membri Ewropej fin-Nato urew it-tħassib tagħhom li ma kienux inklużi fil-laqgħa unilaterali organizzata minn Trump.