Il-President Elett tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar il-ħatra tal-atturi Mel Gibson, Jon Voight u Sylvester Stallone bħala ambaxxaturi speċjali sabiex, skontu, jagħmel lil Hollywood akbar, aħjar u aktar b’saħħitha.
Fuq is-sit tal-midja soċjali tiegħu huwa ddikjara li t-tliet atturi se jkunu għajnejh u widnejh fil-belt li toħloq il-films.
Ġeneralment ambaxxaturi speċjali jkunu maħtura sabiex jintbagħtu f’postijiet għaddejin minn kriżi taħraq bħal Lvant Nofsani mhux Kalifornja.
F’kumment, Mel Gibson qal li kien sorpriż hekk kif irċieva l-aħbar fl-istess ħin li kienu jafu biha n-nies iżda qal li se jaċċetta bħala d-dover tiegħu ta’ ċittadin biex jipprova jgħin kemm jista’ jkun. Fl-istess ħin huwa staqsa jekk hemmx xi ċans din il-ħatra ġġorr magħha dar residenzjali hekk kif huwa wieħed milli tilef daru fin-nirien ta’ Palisades.