L-eks President Amerikan, Donald Trump iddikkjara li r-Russja, tista’ tagħmel li trid mal-membri tan-NATO li mhumiex ilaħħqu mar-rekwiżiti fejn jidħol l-infiq fil-militar.
Trump qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika hekk kif fakkar li waqt il-Presidenza tiegħu qal li l-Istati Uniti mhux se tkun qed tipproteġi dawk il-pajjiżi, membri tan-NATO, li ma kienux qegħdin jallokaw biżżejjed fondi f’infieq militari meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.
Fil-fatt, wara li r-Russja attakkat il-Krimea lura fl-2014, il-pajjiżi membri tan-NATO qablu li għandhom jonfqu tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom fil-militar tagħhom.
Trump kien qajjem din il-kwistjoni għal numru ta’ drabi meta kien President, fejn argumenta li ma jagħmilx sens li l-Istati Uniti biss hija fost l-uniċi pajjiżi li tonfoq kemm suppost fil-militar.
Dan in-nuqqas ta’ investiment minn pajjiżi oħra, ta’ sikwiet kien jiġi nterpretat bħala riduzzjoni tan-NATO għal sempliċiment protezzjoni mill-Istati Uniti f’każ ta’ attakk fuq membru jew ieħor. Għalhekk kien jintqal li fid-dawl ta’ dan kollu, ma tantx kien jagħmel sens li l-Istati Uniti tibqa’ tagħmel parti minn din l-organizzazzjoni.
Trump iddikkjara li f’każ ipotetiku li Moska tkun se tattakka pajjiż minn dawn ikun hu li jinkoraġġieha tagħmel dan.