Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ikkundanna l-aġir vjolenti waqt dimostrazzjoni li seħħet matul il-jum tal-Erbgħa f’Capitol Hill. Dan filwaqt li wiegħed koperazzjoni għal tranżizzjoni kalma tal-poter.
Trump qal dan jum wara li dawk li jappoġġjawh invadew il-binja ta’ Capitol Hill f’Washington DC, f’dimostrazzjoni li ġibdet għajnejn id-dinja fuqha.
Permezz ta’ din l-istqarrija fuq Twitter wara li kien imblukkat għal 12-il siegħa, Trump ikkonċeda għall-voti fil-Kungress Amerikan fejn ġiet affermata b’mod uffiċjali r-rebħa tal-elezzjoni presidenzjali għall-President elett Joe Biden.
Kienu bosta d-Demokratiċi li talbu sabiex Trump jitneħħa minn President b’mod immedjat wara d-dimostrazzjoni vjolenti li inċita hu stess f’diskors qabel ittieħed il-vot dwar l-għadd tal-voti f’Arizona u Pennsylvania kemm fis-Senat u anke fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
L-ispeaker tal-Kamra, Nancy Pelosi qalet li jekk dan ma jseħħx, kapaċi joħorġu akkużi fil-konfront ta’ Trump.
Intant il-Pulizija ta’ Capitol Hill qalet li uffiċjal li kien preżenti fid-dimostrazzjoni tilef ħajtu wara li safa midrub gravi waqt l-irvellijiet.
L-Erbgħa d-dimostrazzjoni wasslet għall-evakwazzjoni tal-politiċi mill-binja ta’ Capitol Hill tant li kellhom jiġu posposti s-seduti skedati.
Il-midja soċjali hija ddominata minn Amerikani urtati iżda mhux sorpriżi b’dak li kienu xhieda tiegħu f’dawn l-aħħar ġranet u tennew li kienu qed jistennew xi ħaġa bħal din li sseħħ.
Bosta, saħansitra anke simpatizzanti ta’ Trump, saħqu li jinsabu qalbhom maqsuma li dimostrazzjoni bħal din seħħet fil-qalba tal-kapitali Amerikana.
Filwaqt li kkundannaw dan l-aġir, sostnew li m’hemm l-ebda skuża li tiġġustifika l-vjolenza.