Domus Kids Żejtun u Ħamrun 147 D huma l-finalisti tal-Blackball Amateur League wara li rebħu b’mod konvinċenti s-semifinali rispettiva tagħhom.
Domus Kids għelbu lil Juve Birkirkara B 11-7 f’logħba li kienet waħda ferm sabiħa. Il-Karkariżi kellhom l-ewwel parti tal-logħba fejn kienu dejjem fil-vantaġġ għalkemm meta ż-Żwieten ġabu l-iskor indaqs, qatt ma ħarsu lura sabiex baqgħu għaddejjin fit-triq tar-rebħ.
Min-naħa l-oħra, Ħamrun 147 D iddominaw il-konfront kontra PN Mġarr tant li rebħu 11-6. Il-Ħamruniżi dejjem kienu fil-vantaġġ u r-rebħa qatt ma kienet fid-dubju.
Issa dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu nhar it-Tnejn li ġej sabiex b’hekk jiġi dikjarat ir-rebbieħ tal-Amateur League.
F’aktar logħbiet li kellna din il-ġimgħa, Cospicua Rangers għaddew għall-finali tan-National League fejn se jiltaqgħu kontra Valletta Breakwater.
Il-Bormliżi ssuperaw l-ostaklu ta’ Ħamrun 147 A wara li fis-semifinali fuq żewġ legs rebħulhom 12-8 u 21-19.
Mill-banda l-oħra, Birkirkara Youngsters rebħu d-derby kontra Birkirkara Duke’s A fis-semifinali fuq żewġ legs 10-10 u 21-16 sabiex għaddew għall-finali tar-Regional League li se tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej kontra Mosta St Mary’s A.
Finalment nhar it-Tlieta jkollna l-finali tal-Community League fejn Valletta Fossa Boys jaffrontaw lil PL Balzan B.