Il-Kunsill tal-Arti ħabbar li għall-ewwel sessjoni għal din is-sena tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Arti tressqu 66 applikazzjoni. L-applikazzjonijiet inkwistjoni jammontaw għal €1.5 miljun.
Mis-66 applikazzjoni, 31 applikant kienu ġodda u qegħdin jippreżentaw bosta kunċetti ta’ forom ta’ arti varji, jew it-taħlit tagħhom. B’kollox, hemm 20 applikant huma diġà benefiċjarji u qegħdin jaħdmu fuq proġetti oħra, filwaqt li 12-il applikant diġà ġieli applikaw għal fondi. Tlieta kienu ineliġibbli. L-ammont disponibbli għal din is-sessjoni huwa dak ta’ €225,000.
Il-Kunsill qal li d-domanda qawwija ċertament turi l-importanza tal-miżuri ta’ appoġġ li joffri l-Kunsill bil-għan li jinvesti fl-espressjoni artistika u kulturali diversa, kif ukoll fl-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.
L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Arti tagħti lok li individwi, gruppi, u organizzazzjonijiet jippjanaw, jiżviluppaw, ikunu rappreżentanti fi proġetti, u jwettqu proġetti artistiċi f’konformità mal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Ir-riżultati tal-ewwel sessjoni tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Arti se jiġu ppubblikati fl-4 ta’ Lulju, u s-sejħa li jmiss għall-Iskema ta’ Appoġġ għall-Arti se tinħareġ fl-20 ta’ Ġunju.