Sit li l-Awditur Ġenerali qal li jiswa żewġ miljuni u erba’ mitt elf ewro (€2,400,000), id-Dipartiment tal-Artijiet taħt it-tmexxija ta’ Jason Azzopardi biegħu lill-kumpanija li tilfet kawżi l-Qorti fuq l-istess sit għal ħames mija ħamsa u għoxrin elf ewro (€525,000).
Din hi waħda mill-iktar konklużjonijiet li jispikkaw f’wieħed minn żewġ rapporti ta’ kundanna li l-Awditur Ġenerali ppubblika it-Tnejn filgħaxija. Wieħed dwar din l-art fi Spinola, San Ġiljan, u ieħor dwar l-art tal-Fekruna fix-Xemxija. Dwar l-art fi Triq Spinola San Ġiljan li nbiegħet lil Eighty Two Co. Ltd l-awditur kien ċar ħafna meta qal li d-Dipartiment tal-Artijiet kellu kontroll dirett tal-valur li bih tgħaddi l-art għand din il-kumpanija. Meta ħares lejn il-valur li l-art inbiegħet bih l-Awditur Ġenerali qal li il-valur għall-flus għad-Dipartiment ma kienx assigurat.
“Meta stabilixxa l-prezz u bil-qbil li jidħol f’negozjati mal-kumpanija, id-Dipartiment tal-artijiet naqas milli jissalvagwardja dħul ġust li jirrappreżenta l-valur tal-art,” qal l-Awditur Ġenerali f’paġna sebgħa ta’ rapport b’iktar minn mitt paġna. Dan dwar art li fuqha nbniet blokka appartamenti li f’deċiżjoni wara oħra tal-Qorti ntqal li kellha titwaqqa’ għax il-kumpanija involuta bniet fuq art tal-gvern mingħajr ma kellha dritt. Iżda, minflok esegwixxa d-deċiżjoni tal-Qorti d-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien Jason Azzopardi għadda lil din il-kumpanija l-art bi prezz ferm irħas mill-valur tas-suq.
U dan kollu sar b’mod li wieħed diffiċli jifhem. Ma tħallew ebda traċċi li joffru spjegazzjoni ta’ kif ġraw l-affarijiet u min iddeċieda xix u meta. “L-involviment tal-Ministru, is-Segretarju Permanenti u l-Kap tas-Segretarjat mhumiex ċari għal dan l-uffiċju, partikolarment minħabba d-dokumentazzjoni nieqsa,” jgħid l-Awditur li jinnota kif id-deċiżjonijiet ittieħdu wara laqgħa fejn dawn kienu preżenti.