Fi stqarrija l-Gvern qal li jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tad-dokumenti b’rabta mal-permess tal-impjant il-ġdid li ser jaħdem bil-gass. Dawn id-dokumenti li ġew ippubblikati mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi issa jinsabu għall-iskrutinju tal-pubbliku.
Kif dejjem seħħ, il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti saret skont il-proċess kif iddettat mill-istess Awtorità u f’konformità mar-Regolamenti tal-2013 dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis tal-Emissjonijiet Industrijali (AL 10 tal-2013). Il-proċess ta’ konsultazzjoni jsegwi dak li nbeda fis-snin li għaddew matul il-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp. F’kull stadju sar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika skont kif mitlub mir-regolamenti applikabbli.
Sal-bieraħ stess l-Oppożizzjoni kompliet tipprova tħawwad l-imħuħ dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, xi ħaġa li ilha tipprova tagħmel tul il-proċess kollu. Jidher biċ-ċar li l-Oppożizzjoni jew ma tafx x’inhu l-proċess jew sempliċement trid tqarraq bin-nies. Sa mill-bidu nett l-Oppożizzjoni kienet kontra li ssir il-qalba għall-gass, biex f’pajjiżna jibqa’ jintuża l-Heavy Fuel Oil, l-aktar żejt li jniġġes. Filfatt, l-Oppożizzjoni sal-lum ibbażat il-kritika tagħha fuq il-prezz internazzjonali taż-żejt, meta il-pajjiż qed jipprepara għal din il-qalba.