IL-ĠRAJJA TA’ JUM IL-ĦADDIEM, Dokumentarju ġdid li jagħti ħarsa fid-dettal lejn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ta’ Mejju f’pajjiżna tul l-aħħar 99 sena.
L-ewwel ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem saret fl-1926 mill-kumitat Laburista tal-Isla. Il-Partit Laburista kien ilu biss sitt snin li twaqqaf. Kien żmien diffiċli ħafna għaliex eluf ta’ ħaddiema kienu jgħixu fil-faqar mingħajr ebda drittijiet. Kien ukoll iż-żmien fejn min kien jidher li qed jagħti vuċi lil dawn il-ħaddiema, kien jiġi ttimbrat bħala xewwiex, perikoluż u komunista.
Minkejja kollox il-Partit Laburista, kontra kull kurrent, baqa’ jfakkar dan il-jum sakemm fl-1957 gvern Laburista, mmexxi minn Dom Mintoff għamel Jum il-ħaddiem bħala festa pubblika.
Is-snin sittin kienu snin diffiċli ħafna bid-dnub il-mejjet, bl-interdett, bid-dfin fil-miżbla, biż-żwiġijiet fis-sagristiji u bil kundanni minn fuq il-pulpti. Fl-1 ta’ Mejju l-Knisja kienet tfakkar fuq il-Fosos tal-Floriana l-festa ta’ San Gużepp Ħaddiem u magħha kienu jingħaqdu l-partiti politiċi ta’ taħt l-umbrella.
Il-Partit Laburista f’dawn is-snin kien kostrett jibqa’ jfakkar Jum il-Haddiem ‘l barra mill-Belt u mill-Floriana. Kien iż-żmien tal-karrijiet u tal-battle of flowers.
Fis-snin sebgħin fl-ewwel ta’ Mejju, il-ħaddiema kien jfakkru l-kisbiet kbar li kienu qed jagħmlu. Matul is-snin ta’ wara sal-lum, il-Partit Laburista, mill-Oppozizzjoni u mill-Gvern, baqa’ jfakkar Jum il-Ħaddiem b’mod imġedded.
Fid-dokumentarju se jixxandru intervisti ma’ numri ta’ persuni li fost oħrajn se jitkellmu dwar l-istorja siewja u s-sinifikat ta’ Jum il-Ħaddiem illum wara 12-il sena ta’ Gvern Laburista. Se jkunu qed jintwerew ukoll numru ta’ ritratti ta’ ċelebrazzjonijiet differenti matul is-snin ta’ Jum il-Ħaddiem.
IL-ĠRAJJA TA’ JUM IL-ĦADDIEM se jixxandar għall-ewwel darba t-Tlieta fid-8:45pm (minflok il-programm Awla) u jerġa’ jixxandar nhar l-1 ta’ Mejju