‘Point of Order’. Din il-frażi li s-soltu nisimgħu fil-bini tal-Parlament meta Deputat ikun irid jagħmel punt dwar xi ħaġa li tkun intqalet f’dibattitu, issa se tirrapreżenta wkoll dokumentarju ġdid li se jixxandar fuq ONE.
Id-dokumentarju se jixxandar it-Tnejn fid-disgħa u kwart ta’ filgħaxija u se jimmarka l-mitt sena mit-twaqqif tal-Parlament Malti.
ONE News tkellem mal-moħħ wara dan id-dokumentarju, Mark Farrugia li spjega kif it-telespettaturi ta’ ONE se jesperjenzaw il-mitt sena ta’ storja tal-parlament Malti.
“Ser nagħtu rikapitulazzjoni ta’ x’ġara tul dawn il-mitt sena fl-istorja parlamentari u fl-istorja tal-elezzjonijiet, min kienu l-kandidati, min kienu l-Prim Ministri, kif marru l-partiti, kemm hemm partiti li ħarġu għall-elezzjonijiet tul dawn il-mitt sena. Affarijiet bħal dawn għandhom jistennew in-nies.”
Id-dokumentarju jitlaq mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-elf disa’ mija wieħed u għoxrin u t-twelid tad-demokrazija Parlamentari f’pajjiżna biex imbagħad tingħata ħarsa lejn l-istorja tal-vot f’Malta u s-sebgħa u għoxrin elezzjoni li saru f’pajjiżna fl-aħħar ċentinarju.
Farrugia spjega li fl-istess dokumentarju se jaqsam l-esperjenzi parlamentari tiegħu Karmenu Vella.
“Ser ikollna wkoll intervista ma’ Karmenu Vella li għamel 38 sena membru tal-parlament, esperjenza vasta, ser jirrakkontalna wħud mill-affarijiet li għadda minnhom meta kien fil-parlament, meta kien membru parlamentari, meta kien ministru, għaliex Karmenu Vella kellu rwoli differenti.”
Id-dokumentarju ser ikun miżgħud b’fatti interessanti oħra bħal pereżempju liem kienu d-deputati li qasmu l-kamra, in-nisa li kellhom suċċess fl-elezzjonijiet, il-kandidati li kisbu l-akbar appoġġ u l-istorja wara l-privileġġ parlamentari.
Se tingħata wkoll ħarsa mill-qrib lejn x’wassal biex ix-xena politika Maltija tibqa’ ddominata minn żewġ partiti politiċi ewlenin.