Il-Ħamis filgħaxija, f’Jum il-Ħelsien, l-istazzjon ONE se jxandar dokumentajru dwar il-ħamsin sena minn mindu l-eks Prim Ministru Dom Mintoff żar iċ-Ċina wara li stabbilixxa relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Dokumentarju maħdum b’reqqa u li jħares lura wkoll lejn il-wieħed u tletin ta’ Jannar tas-sena elf disa’ mija tnejn u sebgħin, meta Malta bdiet ir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina.
Dan il-ftehim wassal biex f’pajjiżna nħoloq iżjed xogħol u l-Maltin ma baqgħux jemigraw biex ifittxu ħajja aħjar, ’l boqgħod minn arthom.
Il-ftehim wassal ukoll għall-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi u bl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mingħajr interessi miċ-Ċina, seta’ jinbena baċir kbir ta’ tliet mitt elf tunnellata fit-tarzna ta’ Malta, kif ukoll il-bini ta’ breakwater fil-port ta’ Marsaxlokk.
Mark Farrugia, li huwa l-moħħ wara dan id-dokumentarju, spjega li Malta, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff,segwiet lill-Istati Uniti meta l-President Amerikan Richard Nixon żar iċ-Ċina.
Malta għalhekk kienet l-ewwel pajjiż mill-Ewropa tal-Punent li żaret iċ-Ċina.
Farrugia tenna, “Żjara li kellha suċċess kbir, żjara lill-pajjiż baqa’ jiggwadanja riżultati minnha għal tul ta’ snin. Żjara li fuqha nbniet relazzjoni ta’ rispett reċiproku. Żjara li għadna ngawdu l-frott tagħha sal-lum, għax kull Gvern li ġie wara kompla jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ Malta maċ-Ċina.”
Taħt it-tmexxija tal-Perit Mintoff, f’dan l-istess żmien pajjiżna ffirma t-Trattat ta’ Difiża mar-Renju Unit, li wassal biex pajjiżna kien ħieles mill-Ingliżi fl-elf disa’ mija disgħa u sebgħin u ngħalqet il-bażi militari Ingliża.
Fil-preżent, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom b’saħħithom, hekk kif din is-sena wkoll, f’dan l-anniversarju, il-President ta’ Malta George Vella kellu wkoll telefonata mal-President Ċiniż Xi Jinping. B’dan tal-aħħar stieden lil Dr Vella biex iżur iċ-Ċina din is-sena.