Fl-okkażjoni tar-raba’ anniversarju tal-Presidenza, l-Uffiċċju tal-President ħejja dokumentarju “Presidenza b’Differenza” li jħares mill-qrib lejn il-ħidma tal-President George Vella u l-Uffiċċju tal-President mill-4 ta’ April 2019 sal-lum b’analiżi u kummenti minn opinjonisti, professjonisti, ħaddiema fl-Uffiċċju tal-President u qraba tal-President.
Id-dokumentarju huwa mibni fuq id-diskors inawgurali tal-E.T. il-President George Vella b’enfasi fuq il-frażi “Se nkun qed inwettaq Presidenza siekta, Presidenza imparzjali, li sservi ta’ gwida morali għal pajjiżna u punt ta’ għaqda nazzjonali”, u jiġbor fih l-esperjenzi u analiżi fuq dak li għaddiet minnhom il-Presidenza fl-aħħar erba’ snin: mit-taqlib politiku fl-2019, għat-tibdil tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-impatt tal-pandemija tal-COVID fuq il-ħidma tal-Presidenza, u l-effett tal-gwerra fl-Ukrajna. Il-kelliema jitkellmu wkoll fuq l-aspett uman tal-President, il-valuri li jħaddan, u l-integrità tiegħu.
Id-dokumentarju janalizza wkoll il-ħidma tal-President tul dawn l-erba’ snin fosthom fuq l-għaqda nazzjonali, il-kampanja favur l-ilsien Malti, l-Istat tan-Nazzjon, iż-żjara tal-Papa, Arraiolos Malta 2022, l-ambjent, il-ħidma f’The Malta Community Chest Fund, l-aspett soċjali, u l-ħidma tal-President fil-fora internazzjonali.
Fid-dokumentarju, il-President Vella huwa rappreżentat minn uħud mid-diskorsi li għamel fl-aħħar erba’ snin fost oħrajn fuq l-ambjent, il-hate speech, Jum ir-Repubblika 2019, u mill-konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa tal-Arraiolos f’Malta.
PRESIDENZA B’DIFFERENZA se jixxandar il-Ħadd 23 t’April fis-6:30pm fuq ONE