Dokumentarju dwar l-arti tal-Presepju f’Malta rebaħ ħames premjijiet fil-kompetizzjoni prestiġjuża Telly Awards fl-Istati Uniti. Id-dokumentarju, produzzjoni ta’ Cooke Media Group flimkien mal-Museum of the Bible f’Washington l-Istati Uniti, kien sar bl-għajnuna tad-Direttorat tal-Kultura u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali.
Fid-dokumentarju, Nativity: The Art of Maltese Crib-Making, fost oħrajn jidhru presepji Maltin li kienu esebiti fil-Museum of the Bible f’Washington. Hemm ukoll diversi intervisti ma’ presepisti u esperti Maltin.
Id-dokumentarju rebaħ tliet Silver Telly Awards (li huma l-ogħla premju f’kull kategorija) bħala: Television-Editing: Official Listing; Television Writing: Official Listing; Television-Documentary: Long Form; u żewġ Bronze Telly Awards bħala: Television-Videography/Cinematography: Official Listing; u Television-Voiceover: Official Listing.
Permezz ta’ stqarrija, id-Direttorat tal-Kultura feraħ lit-tim tal-produzzjoni għal dan l-għarfien li ngħataw, kif ukoll lill-presepisti Maltin li l-arti tagħhom kompliet tingħata aktar rikonoxximent madwar id-dinja. Id-Direttorat irringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti f’din il-produzzjoni u jfakkar li l-kollaborazzjoni mal-Museum of the Bible f’Washington għadha għaddejja, tant li għall-Milied li ġej mistennija li jittellgħu numru ta’ presepji Maltin li se jkunu esposti bħala parti mill-esebiti tal-Museum of the Bible.
Il-presepju Malti huwa parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna.