Il-11 ta’ Marzu 2023 huwa l-jum li jfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ Agatha Barbara, mara li tat ħajjitha sabiex isservi lill-poplu b’mod partikolari lill-iżgħar fost l-iżgħar.
iDEAT ħasbet li ttella’ dokumentarju qasir proprju biex jitfakkar dan il-jum speċjali. Dokumentarju li fih titfakkar personaġġ li fis-skiet tagħha irnexxilha tħalli l-marka tagħha f’diversi oqsma b’mod partikolari fil-qasam edukattiv. Agatha Barbara kienet għalliema u għaldaqstant dan is-settur kien ċertament l-iktar wieħed għall-qalbha.
Dan id-dokumentarju ilaqqana ma’ Agatha Barbara permezz ta’ rakkonti differenti ta’ nies li ħadmu ma’ Agatha Barbara, kienu jafuha personalment jew saħansitra għamlu riċerka estensiva fuq dan il-personaġġ politiku importanti f’pajjiżna.
Agatha Barbara kienet waħda mill-ewwel nisa fil-parlament, l-ewwel deputat prim ministru mara, u l-ewwel president mara. Personaġġ politiku li l-impatt tagħha jmur oltre mill-policies li introduċiet fil-ħidma politika tagħha. L-impatt kien fit-tibdil fil-ħsieb u fil-kultura li l-politika hija biss tar-raġel u l-mara mgħandiex sehem fit-tibdieliet kbar li għex pajjiżna.
Agatha Barbara: 100 Sena mit-Twelid, se jixxandar il-Ħadd 12 ta’ Marzu fl-4:30pm u t-Tnen 13 ta’ Marzu fl-10:15pm fuq ONE