Il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta, li l-għan tagħha huwa li tfakkar lill-poplu Malti u Għawdxi, il-ġrajjiet li sawwruh bħala nazzjon, se tkun qed tippreżenta dokumentarju dwar il-mitt sena minn meta l-Innu Malti nkiteb u ndaqq għall-ewwel darba fl-1922 fit-Teatru Manoel.
Dan id-dokumentarju ttella bil-parteċipazzjoni tal-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Istorja fi ħdan l-Universita ta’ Malta, b’riċerka li saret fl-Arkivji li għandna f’Malta.
Il-kliem semitiku mirqum tal-versi tal-Innu Malti nkiteb minn Dun Karm Psaila filwaqt li l-mużika tiegħu hija kompożizzjoni ta’ Robert Samut. Il-Poeta Nazzjonali Malti kien niseġ l-istorja ta’ kif u għaliex kien inkiteb l-Innu Malti fil-gażżetta ta’ dak iż-żmien ‘II-Berqa’. Huwa jsemmi l-fatt li dan l-Innu inkiteb, anki skont iċ-ċirkustanzi li l-pajjiż kien għadu kif għadda minnu dak iż-żmien.
Iltqajna maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta, Liam Gauci fejn tlabnih jimrah aktar dwar dan id-dokumetarju dwar l-Innu Nazzjonali tal-gżejjer Maltin.
Qal, “Huwa mportanti li bħala FCN, aħna nimxu id f’id ma’ storiċi u dawk kollha li studjaw l-istorja tagħna, biex nippruvaw noħorġu nformazzjoni ta’ x’veru ġara għax din mhix sempliċiment storja bajda jew sewda, hija storja griża fejn qegħdin nitkellmu fejn fl-1922, Malta kienet għada kif ħarġet mis-Sette Giugno, x’kellna fil-Parlament, min kien qed imexxi lil Malta, u x’kien il-bżonn li l-Maltin ikollhom l-Innu tagħhom. Kienu jħossuh dan in-nuqqas, kienu jħossu li għandhom ikunu bħal dawk l-Ingliżi jew noqogħdu ndoqqu il-God save the King? Dan id-dokumentarju ħa jfakkarna, ħa jgħallimna li missirijietna kellhom għatx li huma wkoll ikollhom Innu Nazzjonali għax huma n-nazzjon, u kull nazzjon ħaqqu u jistħoqqlu li jkollu dan l-Innu, unkunu nistgħu inkantawh u niftakru li aħna Maltin.’
Id-dokumentarju ‘L-Innu Malti’ se jkun qed jixxandar fuq One fil-ġranet li ġejjin.