L-obbligi ta’ sid binja, ir-responsabiltajiet ta’ min għandu jkun imqabbad f’kostruzzjoni u l-liġijiet kollha ta’ Malta li japplikaw għall- kostruzzjonijiet se jingħaqdu u jkunu ppreżentati f’dokument wieħed bl-isem ta’ ‘Commencement Notice’.
Dan id-dokument għandu jservi biex jissimplifika u jgħaqqad il-liġijiet kollha eżistenti iżda li huma sparpaljati, saħqet is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, li fissret li din l-inizjattiva għandha tgħin lill-applikant.
Il-Commencement Notice għandu l-għan li jelimina sitwazzjonijiet fejn l-applikant, li ma jkunx mgħarraf bil-proċess, ma jqabbadx in-nies kollha neċessarji f’kostruzzjoni u għalhekk, mingħajr ma jaf, jerfa’ r-responsabbiltà hu stess.
Din l-inizjattiva se tgħin ukoll lil qrati għaliex biċ-ċertezza legali maħluqa bid-dokument, f’każ li xi ħaġa tmur ħażina jew f’każ li terzi persuni jixtiequ jikkontestaw xi kostruzzjoni, tkun identifikata l-persuna responsabbli bla problemi.
Peress li l-proċess ta’ żvilupp jinvolvi numru ta’ regolaturi, il-Commencement Notice kienet imfassla b’ mod konġunt. Iżda biex tkun verament ħolistika se tinfetaħ konsultazzjoni pubblika fejn sat-28 ta’ Diċembru l-pubbliku jista’ jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu ukoll.