Dokument tal-Kavallier Fra Mansi tal-elf seba’ mija sebgħa u għoxrin wassal għar-riċetta ta’ ġobon fin, bl-isem ta’ Formaggio Piacentin, li kienu jieklu l-Kavallieri.
Id-dokument issa qiegħed f’idejn Heritage Malta, fejn instab li dan il-ġobon li kien isir Sqallija, li kien jittiekel fuq il-galleri ta’ Malta.
Dwar dan tkellimna mal-kuratur tal-Mużew Marittimu Liam Gauci.
Qal, “Il-galleri ta’ Malta kienu jgħidulhom ir-red devils tal-Mediterran, fejn kienu iwerwru lil kulħadd għax kienu kważi mxajtnin u dejjem rebħa fuq rebħa u fost dawn ir-rebħiet, ir-raġuni kienet għax kienet għax kien ikollhom ikel tajjeb ħafna. Fosthom huwa dan il-ġobon li kien jittiekel biss, mill-kaptana, mill-uffiċjali u dawk is-suldati li juru ħafna qlubija waqt il-battalja.”
L-ingredjenti ta’ dan il-ġobon huma minn madwar id-dinja, hekk kif hemm ingredjenti li ġejjin mill-Indjan, mill-Andalusija u ingredjenti lokali wkoll.
Fil-kċina ta’ dan il-mużew, sibna lill-kok Malcolm Baldacchino jmellaħ il-ġobon, li hija waħda mill-proċessi. Hawnhekk, il-kok spjega magħna għaliex huwa importanti dan il-proċess.
Qal, “L-importanza tal-melħ hija kruċjali nistgħu ngħidu hekk għax wara l-proċess kollu li għamilna u l-ġobon ġie magħmul ħamest ijiem ilu li ħa mmelħuh biex nippresevawh u barra minn hekk li ndaħħlu t-togħma għax il-melħ qed iżid it-togħma u wkoll jiġbed l-umdità ta’ ġol-ġobna.”