“It-ton użat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fit-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget huwa riflessjoni oħra ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ħatar kap li mhuwiex kburi b’pajjiżu.” Dan qalu fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista sostna li min jemmen li x-xogħol li għamlu l-Maltin u l-Għawdxin biex l-ekonomija mxiet tant ‘il quddiem fl-aħħar snin kien xogħol li ma jwassal għal imkien, ma jistax ikun fdat biex imexxi l-ekonomija ’l quddiem.
“Min jiddikjara li pajjiżna bena mudell ekonomiku li mhux stabbli meta kien f’pożizzjoni li jagħti l-ikbar għajnuna fi żmien straordinarju qiegħed juri li diġà ddakkar mill-attitudni partiġġjana u distruttiva tal-aħħar snin”, kompla jgħid il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista tenna li dan iwassal biex il-ftit ideat li tkellem dwarhom il-Kap tal-Oppożizzjoni llum huma ripetizzjoni ta’ inizjattivi li diġà beda jieħu l-Gvern immexxi minn Robert Abela.
Il-Partit Laburista saħaq li d-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista huwa xhieda oħra ta’ kemm anke fi żminijiet ta’ sfida bħal dawk ta’ pandemija huwa l-Gvern preżenti li għandu s-soluzzjonijiet.
“Hekk sar bl-inizjattivi tal-aħħar xhur u hekk se jsir fid-19 ta’ Ottubru”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/09/bil-filmat-bernard-grech-jghid-li-l-politika-ekonomika-tal-gvern-ma-waslet-imkien/