Iċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fi stqarrija rrefera għall-artikli varji ppublikati f’ċertu ġurnali, li qalu li fl-HSBC għaddeja investigazzjoni b’rabta ma’ dokument frodulenti li jinvolvi Kasco Ltd. li tagħha s-sid huwa l-istess Schembri.
Dawn ir-rapporti oriġinaw mis-sit tal-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia. Schembri qal li l-insinwazzjonijiet huma għall-kollox foloz u fabrikati. Flimkien mal-istqarrija żied korrispondenza maħruġa minn dak responsabbli mill-kummerċ tal-bank, li turi li m’hemm xejn illeċitu. Innota wkoll li permezz tal-avukati tiegħu, awtorizza lill-bank biex jirrispondi pubblikament għal kull domandi li jirċievu dwar is-suġġett. Madanakollu l-bank ħass li kellu jżomm mar-regoli tiegħu, li jiddiskuti dak li għandu x’jaqsam mal-klijenti mall-klijenti nfushom biss.
Sfortnatament, jgħid Schembri, minkejja li nfetħu proċeduri ta’ libell kontra l-Independent on Sunday u l-Independent Online, u minkejja li nforma lit-Times dwar l-ittra li ħareġ il-bank, ċertu ġurnalisti fi ħdan it-Times qed iħossu l-ħtieġa li jirrepetu l-insinwazzjonijiet tagħhom. Dan, jgħid Schembri, għal raġunijiet li jafuhom biss huma.
Temm jgħid li permezz tal-avukati tiegħu se jħeġġeġ lit-Times tirrimedja s-sitwazzjoni.