Il-Gvern nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika li għandu jwassal dwar il-legiżlazzjoni ta’ Grooming ta’ Annimali Domestiċi, Pet Sitting, Pet Boarding u Dog Breeding.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu wara li, lura s-sena li għaddiet, tnediet White Paper biex tinġabar informazzjoni mill-pubbliku u l-partijiet konċernati biex jinħoloq abbozz ta’ strateġija nazzjonali għat-trattament xieraq u t-tgħammir tal-annimali.
Bid-dokument ippreżentat fil-konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn hemm proposti bidliet leġiżlattivi ewlenin. Fil-fatt waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġew spjegati dawn l-istess proposti leġiżlattivi.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega wħud minnhom.
Qal, “White paper importanti fejn għall-ewwel darba se noħorġu sistema ta’ reġistrazzjoni fuq il-persuna, qegħdin nagħmlu wkoll il-minimum requirements biex inti, pereżempju, tkun tista’ tkun groomer u kif ukoll hi importanti wkoll li l-establishments, jiġifieri dawk li jmexxu fuq skala kummerċjali, qed nagħtuhom ukoll ċertifikat ta’ eċċellenza jekk huma għandhom ċerti kriterji li jżommu magħhom.”
Il-Ministru Refalo ukoll għamel ukoll referenza għall-ammont kbir ta’ miżuri li ġew mħabbra f’dawn l-aħħar xhur, fosthom ir-riforma fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, kampanja nazzjonali tan-neutering u żieda fil-bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb, fost oħrajn.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irreferiet ukoll għas-serħan il-moħħ li toffri din il-leġiżlazzjoni, kif proposta, għal min jagħmel użu mis-servizz ta’ dog breeders u pet groomers.
Spjegat, “Inti meta qed tadotta jew tixtri annimal, tassigura li dan għandu l-pedigree, għaldaqstant meta inti għandek leġiżlazzjoni li qed tirregola d-dog breeders qed naraw li dan ikun fis-seħħ. Meta nidħlu fuq il-pet groomers, pereżempju, inti għandek is-serħan il-moħħ li meta mort għal dan it-tip ta’ servizz fejn inti ħallejt l-annimal tiegħek taħt il-kura ta’ persuna oħra tara li dan is-servizz ikun qed isir b’ċertu reqqa u jkun qed jipproteġi l-ħarsien tal-annimal tiegħek.”
Bugeja Said rrimarkat ukoll li se jsiru żewġ laqgħat konsultattivi, fis-16 ta’ Ottubru f’Għawdex u fis-17 ta’ Ottubru f’Malta, b’rabta ma’ dan.
L-individwi u l-organizzazzjonijiet qed jiġu mistiedna jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar dan id-dokument bil-miktub permezz ta’ imejl.
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali sa mhux aktar tard mit-Tnejn 6 ta’ Novembru 2023 f’nofsinhar.